IMFAKKRA S-60 SENA MILL-INDIPENDENZA

Описание к видео IMFAKKRA S-60 SENA MILL-INDIPENDENZA

ONE.COM.MT •Il-wieħed u għoxrin ta’ Settembru tal-1964, sittin sena ilu, pajjiżna sar stat indipendenti mill-ħakma Ingliża. Dan kien pass ieħor qabel il-Malti ħa ragħajh f’idejh kompletament wara l-Ħelsien tal-1979.

F’dan is-servizz se nkunu qegħdin insegwu siltiet miċ-ċerimonja li attendew għaliha l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, dalgħodu.



KITBA: NOLAN CAMILLERI

FILMAT: ALEX BORG / ARĊIDJOĊESI TA’ MALTA

STANDUPPER 1

“Iċ-ċelebrazzjonijiet f’għeluq is-sittin sena ta’ Malta indipendenti bdew permezz ta’ marċ militari li telaq minn quddiem il-binja tal-Parlament sakemm wasal hawn f’Misraħ San Ġwann.”



Kien għall-ħabta tad-disgħa u kwart ta’ filgħodu, x’ħin id-Deputat Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta, il-Kurunell Edric Zahra, wasal f’Misraħ San Ġwann fejn ingħata tislima mill-Gwardja tal-Unur.

Imbagħad il-Kurunell Zahra akkumpanja lill-Prim Ministru Robert Abela li wkoll ingħata tislima mill-Gwardja tal-Unur bid-daqq ta’ silta mill-innu nazzjonali.

Fid-disgħa u nofs ta’ filgħodu waslet il-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono, li ngħatat is-salut u spezzjonat il-Gwardja tal-Unur.

Imbagħad l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, flimkien ma’ deputati miż-żewġ naħat tal-kamra attendew għall-Quddiesa Pontifikali, li kienet iċċelebrata mill-Arċisqof ta’ Malta, il-Monsinjur Charles J. Scicluna.

Fl-omelija tiegħu, l-Arċisqof Scicluna kkwota frażijiet tas-saċerdot qaddis Malti, San Ġorġ Preca filwaqt li temmha billi fakkar kif din is-sena pajjiżna jiċċelebra anniversarju importanti ieħor fl-istorja tiegħu, dak tal-ħamsin sena minn meta Malta saret Repubblika.

MONS. CHARLES J. SCICLUNA

ARĊISQOF TA’ MALTA

“Jalla dawn l-anniversarji jkunu ċelebrazzjonijiet li jimlew il-poplu tagħna b’sens qawwi ta’ tama u bi spirtu sabiħ ta’ ottimiżmu. Jalla nikbru fl-umiltà biex naħdmu flimkien waqt li naffaċċjaw l-isfidi li qatt ma jonqsu.”

STANDUPPER 2

“L-attivitajiet b’rabta ma’ dan l-anniversarju imbagħad komplew wara l-quddiesa, maġenb il-monument tal-Indipendenza fil-Furjana, fejn l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż qiegħdu l-fjuri b’turija ta’ rispett għal dan l-anniversarju. Imbagħad ukoll ġew sparati wieħed u għoxrin tir f’forma ta’ salut mill-Forzi Armati ta’ Malta.”



Fil-fatt, kienet il-President ta’ Malta l-ewwel li poġġiet il-fjuri fuq dan il-monument imbagħad warajha segwew il-Prim Ministru Robert Abela u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.

Imbagħad segwa s-salut u d-daqq tal-innu Malti.

Комментарии

Информация по комментариям в разработке