“BASTJANIŻ TWIELED U BASTJANIŻ MIET” – MISSIER DAMIAN

Описание к видео “BASTJANIŻ TWIELED U BASTJANIŻ MIET” – MISSIER DAMIAN

ONE.COM.MT - Iż-żmien itaffi iżda qatt ma jnessi.
Kien propju bħal-lum għaxar snin li seħħet splużjoni fil-Kamra tan-Nar ta’ San Bastjan f’Ħal Qormi. Traġedja li xxukjat lill-pajjiż, u li temmet ħesrem il-ħajja ta’ żewġ persuni, fosthom żagħżugħ ta’ wieħed u għoxrin sena.
Minkejja li għaddew għaxar snin, il-memorja tagħhom għadha ħajja, kemm fil-belt li trabbew fiha u li tant kienu jħobbu, u wisq aktar fil-qraba tagħhom.
Fis-servizz li jmiss niltaqgħu ma’ Pauline u Horace, omm u missier iż-żagħżugħ Damian minn Ħal Qormi.
It-tnejn u għoxrin ta’ Frar tal-elfejn u għaxra. F’Ħal Qormi tinħass theżżiża kbira, ikkawżata minn splużjoni fil-Kamra tan-Nar ta’ San Bastjan.
Splużjoni li ħasdet il-ħajja ta’ Damian li kellu wieħed u għoxrin sena u Alfred li kellu ħamsa u ħamsin sena.
Għaxar snin għaddew bħal-leħħa ta’ berqa iżda għal Horace u Pauline, omm u missier Damian, kienu għaxar snin ta’ dulur li għadhom iġorru sal-lum.
Bħal-lum għaxar snin kienet ġurnata li serqitilhom lil Damian, id-djamant tagħhom.
Imbikkem, missieru spjegalna li f’din il-ġurnata misħuta, Damian kellu jibqa’ d-dar biex jistudja għal eżami li kellu l-għada. Siġġu li baqa’ vojt għaliex id-destin kellu pjanijiet oħra.
SOT 1 – HORACE AGIUS – “It-Tnejn, it-tnejn imqaddes. Filgħodu ħareġ għax-xogħol, kien jaħdem il-Qorti, wasal id-dar xil-ħamsa ta’ filgħaxija mix-xogħol, kumbinazzjoni kont qiegħed id-dar jien hawn u ġie kiel u jirċievi telefonata m’għand xi ħadd għax dakinhar kważi qas kellu joħroġ, qas kien ħiereġ għax kellu eżami u qas kien ħiereġ u xi ħadd ċempillu u qalli ħiereġ minix se ndum, qalli dalwaqt niġi, qalli għax irrid niġi nistudja u xħin ħareġ, ħuh qallu ħa niġi miegħek u qallu le tiġi xejn, qallu tiġix imbagħad niltaqgħu l-armar. Qallu niġi niġbrok mill-armar.” (43sec)
Mat-telefonata, Damian reħielha lejn il-kamra tan-nar u f’temp ta’ kwarta ħajjet Horace u Pauline inqelbet ta’ taħt fuq.
SOT 2 – HORACE AGIUS – “Ħriġt il-karozza jien u l-mara u morna fuq il-post u niltaqa’ ma’ sħabu, saqsejt għalih, sħabu qas kważi kellmuni dakinhar, mhux għax ma ridux ikellmuni għax qas felħu jkellmuni u tlajt fuq u nara l-kamra fejn kien ikun ma’ sieħbu, imwaqqa’ bis-saqaf ċeda, niżel fuqhom dakinhar u nżilt isfel u kien hawn il-mara miegħi dak il-ħin, għidtilha mur, inġabar għand ommok, għidtilha għax jien se nibqa’ hawn sakemm joħorġuhom, għidtilha, Damian mejjet.” (39sec)
Damian, iż-żagħżugħ ferrieħi dejjem bi tbissima fuq fommu, kien jagħmel kollox għall-festa ta’ San Bastjan tant li saħansitra, miet għaliha.
SOT 3 – HORACE AGIUS – “Il-festa kien iħobbha ħafna hux, u miet għall-festa. Żgur li miet għall-festa, għax hekk kien ikanta hu, ‘Jien Bastjaniż twelidt u Bastjaniż immut.’ U hekk miet.” (13sec)
Għaddew għaxar snin iżda l-ferita għadha miftuħa beraħ. Ta’ kuljum, kull filgħaxija, missieru jmur ħdejn is-sodda fejn għaxar snin ilu Damian strieħ għall-aħħar darba taħt l-istess saqaf ma’ familtu.
SOT 4 – HORACE AGIUS – “Bqajt nagħmilha kuljum din il-ħaġa, waqt li nkun sejjer norqod, ngħaddi nbus is-sodda tiegħu fejn kien raqad l-aħħar bħal anki l-bieraħ filgħaxija, qabel ma tlajt bdejt ngħid l-aħħar ġurnata li rqadt hawn fuq din is-sodda tiegħek, għada ma kontx se torqod hawn.” (19sec)
Ommu u missieru qalulna li kull ma jibqa’ tifkiriet u memorji, li ser jibqgħu jgħożżu għal ħajjithom kollha fosthom l-aħħar ritratt li kien ħa Damian ma’ ħutu f’għeluq snin missieru ftit xhur qabel it-traġedja. (019G4419)
Memorji li llum jirrakkontaw lin-neputijiet żgħar tagħhom, li ta’ sikwit imorru jżuru lil zijuwhom iċ-ċimiterju iżda li qatt ma kellhom ċans jaraw.
Għaxar snin nieqes iżda qatt minsi.
SOT 5 – HORACE AGIUS – “Nibqa’ sakemm niltaqa’ miegħu, xi darba niltaqa’ miegħu u nkun ferħan li narah nerġa’.”

Комментарии

Информация по комментариям в разработке