JINJETTAW LIKWIDU LIL NANNUHOM FL-ISPTAR

Описание к видео JINJETTAW LIKWIDU LIL NANNUHOM FL-ISPTAR

ONE.COM.MT • Żewġ żgħażagħ allegatament inqabdu fil-fatt jinjettaw likwidu mhux identifikat lin-nannu tagħhom, waqt li dan jinsab rikoverat fl-Isptar Mater Dei.

Waqt li jidher li l-investigaturi mhuma jeskludu xejn f’dan l-istadju, in-neputijiet allegatament qalu li “riedu jtaffu t-tbatijiet” li għaddej minnhom l-anzjan, li hu marid serjament.

KITBA: STEFAN BAJADA
FILMAT: ARKIVJI

Żewġ żgħażagħ Maltin ta’ 22 u 30 sena qed jiġu investigati wara li nqabdu fil-fatt jinjettaw likwidu fid-drip tan-nannu tagħhom, li attwalment jinsab rikoverat f’waħda mis-swali tal-Isptar Mater Dei. Għalkemm għadu mhux ċar x’kienet l-intenzjoni tagħhom, f’dan l-istadju mhu qed jiġi eskluż xejn, inkluż li jpoġġulu ħajtu f’riskju.

Jirriżulta lil ONE News li l-anzjan igawdi minn ġid kbir.

Waqt li m’aħniex informati x’tip ta’ likwidu kien, sorsi differenti, li tkellmu ma’ ONE News, semmew numru ta’ varjazzjonijiet minn ilma sa mediċina. Iż-żgħażagħ, li kienu ħadu s-siringa magħhom l-Isptar, aktarx argumentaw waqt l-investigazzjonijiet li injettawlu fil-vina tal-qarib tagħhom “ilma għax rawh bil-għatx” jew “mediċina li kien jieħu d-dar” biex itaffulu mit-tbatijiet.

Minkejja dan, jirriżulta li l-likwidu ma kellu l-ebda effett fuq saħħet l-anzjan.

Mistoqsijiet ta’ ONE News dwar jekk kienx irrapportat xi każ ta’ attentat fuq il-ħajja ta’ xi pazjent fl-Isptar Mater Dei, baqgħu mhux imwieġba.

Sadanittant jirriżulta li l-anzjan qed ikun mgħasses minn uffiċjali tas-sigurtà, iżda sorsi qrib il-Pulizija qalu li dan m’għandux rabta mal-inċident li jinvolvi lin-neputijiet tiegħu, iżda għax hu kien qiegħed jaġixxi b’mod aggressiv fil-konfront tal-infermieri u l-ħaddiema tal-Isptar.

Waqt li nifhmu li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin, ONE News hu informat li ż-żewġ żgħażagħ xorta se jispiċċaw imħarrkin fil-Qorti. U dan b’akkużi li għamluha ta’ ħaddiema tas-servizzi tas-saħħa, xi ħaġa li hi meqjusa bħala reat minuri skont liġi antika, li tirregola l-attività fl-istituzzjonijiet mediċi fil-pajjiż.

Комментарии

Информация по комментариям в разработке