IL-QORTI TAL-UE TIDDEĊIEDI KONTRA L-INSIB

Описание к видео IL-QORTI TAL-UE TIDDEĊIEDI KONTRA L-INSIB

ONE.COM.MT • Fil-każ, li fetħet kontrina l-Kummissjoni Ewropea dwar id-delizzju tal-insib għal għasafar tal-għana, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea llum ikkonkludiet li r-raġuni “għal skop ta’ riċerka” li Malta adottat fid-deroga għad-Direttiva Ewropea tal-Għasafar mhijiex valida.

Bil-Gvern Malti jtenni li, waqt li se janalizza s-sentenza fid-dettal, se jibqa’ mpenjat li jiddefendi l-prattiċi legali tal-kaċċaturi u n-nassaba b’rispett anke lejn din id-deċiżjoni.

KITBA: FRANCESCO BORG
FILMAT: ARKIVJI


Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet kontra Malta dwar id-deroga fuq il-qbid ta’ seba’ speċi slavaġġ ta’ għasafar tal-għana wara li tat is-sentenza tagħha fil-każ li fetħet il-Kummissjoni Ewropea kontra din il-prattika fid-delizzju Malti.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li element wieħed mid-deroga għar-riċerka applikata minn Malta fis-snin 2020, 2021 u 2022 ma kienx konformi mad-Direttiva dwar l-Għasafar tal-Unjoni Ewropea.

Meta Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea fl-elfejn u erbgħa, il-ftehim ta’ sħubija kien jipprovdi għal perjodu ta’ tranżizzjoni fejn il-Gvern Nazzjonalista dak iż-żmien kien impenja ruħu li jaqta’ l-insib. Wara li l-insib ġie pprojbit, fl-2014, Gvern Laburista kien adotta deroga biex terġa’ tippermetti l-qbid tal-għasafar tal-għana.

Erba’ snin wara, fl-elfejn u tmintax, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kienet iddeċidiet li din id-deroga ma kinitx tissodisfa l-kriterji meħtieġa u, għalhekk, ġiegħlet lil Malta biex tneħħiha.

Kawża t’hekk, fl-elfejn u għoxrin, Malta introduċiet deroga ġdida bi skop ta’ riċerka għall-istess seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana.

Iżda, il-Ħamis, il-Qorti Ewropea qalet fis-sentenza tagħha li dan l-argument mhuwiex validu.

B’reazzjoni għal dan, il-Ministru Clint Camilleri, li hu responsabbli mill-kaċċa u l-insib, qal li l-Gvern analizza fid-dettal is-sentenza u ikkonferma li d-deroga ta’ riċerka applikata sa’ mill-2020, kienet waħda leġittima, għajr għal xi rikjesti tekniċi.

Saħaq li l-Gvern se jibqa’ determinat li jiddefendi l-prattiċi legali tal-kaċċaturi u n-nassaba lokali u se jkompli jimpenja ruħu mal-partijiiet konċernati relevanti biex jiżgura li t-tħassib tagħhom jiġi indirizzat b’mod xieraq u b’rispett sħiħ lejn il-liġi tal-Unjoni Ewropea u s-sentenza li ngħatat issa mill-Qorti tal-Ġustizzja.

F'video fuq Facebook, il-Ministru Camilleri nnota li l-Gvern kommess li jindirizza dawn ir-rikjesti u kif dejjem għamel, ikompli jipproteġi dan id-delizzju.

Sadanittant, irreaġixxiet ukoll il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti, l-FKNK, li nnotat bi pjaċir u rringrazzjat lill-Gvern, b’mod partikolari lill-Ministru Clint Camilleri, għad-determinazzjoni u l-impenn tagħhom li jkomplu jiddefendu l-prattiċi legali tal-kaċċaturi u n-nassaba biex jindirizzaw b’mod xieraq it-tħassib tagħhom.

L-organizzazzjoni qalet li, f’dan il-każ, bħal dejjem, se tkompli toffri l-għarfien espert u r-riżorsi tagħha lill-Gvern biex tinstab soluzzjoni sodisfaċenti għall-ġejjieni immedjat.

Комментарии

Информация по комментариям в разработке