ONE.COM.MT • Hekk kif fi tmiem din il-ġimgħa tiġi ċċelebrata il-festa tradizzjonali tal-Imnarja, dawk dilettanti tal-mużika jistgħu jgawdu minn kunċert għall-gosti ta’ kulħadd, li jittella’ fil-Pjazza tas-Saqqajja, fir-Rabat.
Iltqajna mal-President tal-Għaqda Mużikali L’Isle Adam, li hi responsabbli mit-tradizzjoni antika fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Pietru u San Pawl, ddedikata wkoll għall-prodotti u l-bhejjem li tipprovdilna artna.
KITBA: ANDREW SPITERI
FILMAT: DORIAN BORG
Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet marbutin mal-festa tradizzjonali tal-Imnarja, bosta jerħulha lejn ir-Rabat u l-Buskett, li jkunu mimlijin b’attivitajiet festivi tant għal qalb bosta Maltin, bis-sehem ta’ diversi professjonisti u dilettanti tal-annimali, bdiewa jew raħħala u dilettanti taż-żwiemel.
Iżda għal dawk li jħobbu l-mużika orkestrali jistgħu jgawdu wkoll minn kunċert b’varjazzjoni għall-gosti ta’ kulħadd, li jittella’ fil-Pjazza tas-Saqqajja fir-Rabat.
Il-Banda L’Isle Adam tar-Rabat tal-Imdina ilha tkun parteċipi f’jum il-festa ddedikata lil San Pietru u San Pawl sa kważi minn meta twaqqfet fl-1860, fejn anke maż-żmien rat li żżomm din it-tradizzjoni b’mod aktar organizzat u bdiet ittella’ kunċerti fis-Saqqajja.
Il-President tal-Għaqda Mużikali L’Isle Adam, Neville Muscat, spjegalna kif dan il-kunċert hu wieħed bi storja twila u parti integrali mill-attivitajiet li se jsiru waqt din il-festa.
NEVILLE MUSCAT
PRESIDENT, GĦAQDA MUŻIKALI L’ISLE ADAM
“Matul is-snin, kien isir ukoll programm lejlet l-Imnarja fejn qabel il-banda kienet tagħmel marċ minn quddiem il-Katidral tal-Imdina, kif kulħadd jaf il-festa tal-Imnarja ta’ San Pietru u San Pawl hi marbuta mal-Katidral tal-Imdina, u mbagħad kienet tagħmel programm qasir hawnhekk fuq is-Saqqajja. L-għada, f’jum il-festa tal-martirju ta’ San Pietru u San Pawl, il-banda kienet ittella’ l-kunċert annwali tagħha.”
Muscat qalilna li n-niċċa ta’ San Pawl, li tintuża bħala sfond tal-kunċert, hi storika u din is-sena qed tiżżanżan wara r-restawr kbir li sarilha u ġiet anke inawgurata ftit tal-jiem ilu.
In-niċċa, li hi proprjetà tal-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp, inbniet lura fl-1727 mill-Gran Mastru Manoel de Vilhena, li kien strumentali anki fir-riġenerazzjoni li kienet għaddiet minnha l-kapitali l-antika tal-Imdina fis-Seklu 18, u b’xorti tajba għadna ngawduha sal-lum.
Ir-restawr sar b’investiment ta’ aktar minn €80,000 mill-aġenzija Komunità Malta, b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali tar-Rabat.
Muscat qalilna li dan il-kunċert iħarsu lejh b’ottimiżmu kbir hekk kif ikun mistenni ħafna mhux mir-Rabtin biss, imma anke mid-dilettanti kollha hekk kif jiġu esegwiti diversi ġeneri ta’ mużika għall-gosti ta’ kulħadd.
NEVILLE MUSCAT
PRESIDENT, GĦAQDA MUŻIKALI L’ISLE ADAM
“Il-kunċert ta’ din is-sena se jkun qed jiffoka wkoll fuq mużika klassika bħal dejjem, mużika moderna, u anke mużika Maltija. Se nkunu qiegħdin nfakkru l-mitt sena mill-mewt tal-kompożitur Giacomo Puccini u se jkollna mużika minn films. Għandna mistednin kantanti Maltin u anke kantant barrani. Nistieden lill-pubbliku, il-kunċert ikun miftuħ għal kulħadd bla ebda ħlas, ikun hawn is-siġġijiet fil-Pjazza tas-Saqqajja. Nibdew fit-tmienja ta’ filgħaxija u nistieden biex dak li jkun jgawdi din il-pjazza sabiħa li għandna hawnhekk fir-Rabat.”
Информация по комментариям в разработке